Għeżież utenti,

Nixtiequ ninfurmawk li TED eTendering se jitneħħa gradwalment mill-25 ta’ Ottubru 2023. Dan se jiġi sostitwit mill-portal għall-Finanzjament u għall-Offerti (F&T) li progressivament se jieħu f’idejh il-funzjonalitajiet kollha tiegħu.

Fil-Portal F&T se tkun tista’ ssib mhux biss id-data ewlenija tas-sejħiet pubbliċi għall-offerti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, iżda wkoll id-dokumentazzjoni u l-mistoqsijiet u t-tweġibiet tas-sejħa għall-offerti, attwalment ippubblikata fuq TED eTendering.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil EC-EPROCUREMENT-SERVICE-DESK@ec.europa.eu

X’inhu l-eTendering?

L-eTendering hu pjattaforma tal-eProcurement mibni fuq direttivi tal-KE fejn l-Awtoritajiet li Joħorġu l-Kuntratti u l-Operaturi Ekonomiċi jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum li għandhom x’jaqsmu mal-eProcurement. L-eTendering jagħti aċċess għad-dokumentazzjoni marbuta ma' Sejħa għall-Offerti bħad-Dokumentazzjoni tal-kuntratt, l-Ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-Annessi, il-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet, u b'hekk hu għodda siewja ħafna li jestendi s-servizz offrut mit-TED (Tenders Electronic Daily) li hija l-verżjoni tas-'Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea' fuq l-Internet. It-transazzjoni tan-negozju hi pproċessata f'ambjent ta' sigurtà u b'mod effiċjenti. L-eTendering hu l-iktar mod effettiv li bih tista' tagħmel ix-xogħol marbut mal-offerti – is-servizzi kollha li huma proposti jingħataw mingħajr ħlas.

Kif nista' nibbenifika mill-eTendering?

L-eTendering jagħtik aċċess għad-dokumentazzjoni kollha marbuta ma' Sejħa għall-Offerti. Ikun aġġornat ħames darbiet fil-ġimgħa u hu integrat u ssinkronizzat mat-TED. Il-benefiċċju għal dawk li jużaw l-eTendering hu kif ġej:

Għall-Awtoritajiet li Joħorġu l-Kuntratti

  • Lill-Awtoritajiet li Joħorġu l-Kuntratti joffrilhom ambjent ta' kollaborazzjoni għall-ksib elettroniku fejn jistgħu jelaboraw id-dokumentazzjoni sħiħa ta' Sejħa għall-Offerti,
  • Jagħtihom il-possibbiltà li jipproċessaw u jorganizzaw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-'Operaturi Ekonomiċi'.
  • Jipprovdi sinkronizzazzjoni mas-Sejħiet għall-Offerti li jkunu elaborati aktar fuq l-eNotices u ppubblikati fis-sit tat-TED.
  • Jagħtihom il-possibbiltà li jippubblikaw Sejħiet għall-Offerti b'valur iżjed baxx b'mod indipendenti mis-sit tat-TED.

Għall-Operaturi Ekonomiċi

  • Jagħtihom aċċess għad-dokumentazzjoni kollha li tinsab fil-pubbliku marbuta mas-Sejħiet għall-Offerti,
  • Jagħtihom għodod u servizzi biex jagħmlu tħejjija trasparenti u korretta u jibagħtu mistoqsijiet marbuta mas-Sejħiet għall-Offerti,
  • Jagħtihom aċċess fil-pront għat-tweġibiet pubbliċi u privati kollha li jsiru,
  • Jipprovdilhom servizzi oħra bħal twissijiet dwar tibdil li jsir fis-Sejħiet għall-Offerti magħżula minnhom.
  • Jagħtihom ukoll aċċess għal Sejħiet għall-Offerti li jkollhom valur iżjed baxx jekk l-Awtorità li qiegħda toħroġ il-Kuntratt tiddeċiedi li tippubblikahom (dawn mhux bilfors iridu jkunu ppubblikati).

Għalfejn għandi nirreġistra għall-eTendering?

Il-proċess biex tirreġistra hu ħafif ħafna u jinsab miftuħ għal kulħadd. Biex tirreġistra hi meħtieġa biss informazzjoni bażika ħafna – id-dettalji li bilfors huma meħtieġa uma indirizz validu tal-eMail u frażi sigrieta li tixtieq tuża. M'hemm l-ebda ħlas biex tirreġistra u tuża l-eTendering, u dan is-servizz se jibqa' jingħata b'xejn.

Wieħed jista' jara l-informazzjoni kollha dwar is-Sejħiet għall-Offerti anki mingħajr ma jirreġistra. Madankollu min jirreġistra jingħata wkoll aċċess għas-servizzi li ġejjin:

  • Ikun jista' jibgħat jew ibiddel mistoqsijiet marbuta mas-Sejħiet għall-Offerti,
  • Ikun jista' jabbona għal servizz li bih jirċievi twissijiet dwar tibdil li jsir fis-Sejħiet għall-Offerti,
  • Ikun jista' jorganizza l-messaġġi marbuta mas-Sejħiet għall-Offerti magħżula li hu interessat fihom.